Author: ejgauci

  • Għana u taqbil fil-festi ta’ Santa Liena ta’ wara t-Tieni Gwerra

    Garit Haber 101 Years

    F’Malta tal-imgħoddi, it-taqbiliet popolari u dawk spirtu pront, kienu parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin. Dawn jissejħu għanjiet, kemm meta jitkantaw kif ukoll meta jingħadu mingħajr il-melodija tal-għana. Minħabba li jgħaddu mill-fomm għall-widna, mhux dejjem jiġu ddokumentati, ħlief fil-memorja ta’ xi ħadd. Xi drabi jintilfu u xi drabi jinħolqu varjanti tagħhom, filwaqt li dawk li ħarġu bihom sikwit kienu jibqgħu mhux magħrufa jew jintesew. Dawn it-taqbiliet huma xempju ta’ kif il-kultura popolari twaħħad elementi festivi, reliġjużi, storiċi u mużikali.

    Għana tal-banju

    F’Birkirkara ta’ qabel u wara l-gwerra, kien hawn bosta għannejja u daqqaqa. In-nisa, bħal oħrajn fi rħula oħra, kienu jwieġbu lil xulxin bl-għana mill-btieħi u l-bjut jew jgħannu strofi popolari waqt ix-xogħol tad-dar, l-iktar waqt il-ħasil tal-ħwejjeġ. Filfatt, dawn l-istrofi kienu magħrufa bħala Għana tal-Banju. Xi taqbiliet popolari jsemmu l-festa ta’ Santa Liena. Dawn li ġejjin, ġabrithom Yvonne Abela mingħand nannitha Eva Azzopardi (1911–1987) minn Birkirkara. Xandarhom Guido Lanfranco f’L-Imnara tal-1992:

    “Ħanini jdoqq ma’ tal-Bagri.

    Kemm tixtraqlu l-uniformi.

    Lilu rrid u lilu nieħu,

    avolja ma tridnix ommi.”

    “San Ġorġ tal-liri sofor.

    Santa Liena tad-dulliegħ.

    San Ġorġ ikun fis-sakra,

    U Santa Liena tidħaq bih.”[i] 

    Il-liri s-sofor jirreferu għall-muniti tad-deheb tal-lira Ingliża, magħrufa bħala sovereigns, li fuq naħa kellhom ix-xbieha ta’ San Ġorġ, patrun tal-Ingilterra, u fuq l-oħra x-xbieha tal-monarka renjanti. Fost il-ħruġ ta’ dawn il-muniti nsibu dawk b’wiċċ ir-Re George IV tal-1821 u l-1823; tar-Reġina Vittorja tal-1871, l-1887 u l-1893; tar-Re Edward VII tal-1902; tar-Re George V tal-1911; u tar-Re George VI tal-1937. L-ewwel sovereigns b’wiċċ ir-Reġina Eliżabetta II nħadmu fl-1953 bħala parti minn settijiet speċjali li ma nħarġux għall-pubbliku, filwaqt li l-produzzjoni regolari tagħhom bdiet fl-1957.[ii] Id-dulliegħ jirreferi għall-fatt li f’Birkirkara, il-festa ta’ Santa Liena tiġi ċċelebrata fis-sajf. Il-frażi San Ġorġ fis-sakra aktarx tirreferi għall-qlajja popolari li l-Qriema “sa nofsinhar irġiel.”[iii]

    Parallel interessanti bejn is-sakra u San Ġorġ insibuh fil-festa Griega ta’ Agios Georgios Methystis (bil-Grieg: Άγιος Γεώργιος Μεθυστής), jiġifieri “San Ġorġ li jsakkrek”, għalkemm dan ix-xebh waħdu ma jikkonfermax li l-għanja ġejja minn din it-tradizzjoni. Dan il-laqam jingħata lil San Ġorġ f’xi nħawi tal-Greċja, l-aktar fi Kreta u Paros, fejn tiġi ċċelebrata festa tradizzjonali f’ġieħu. Kif jispjega d-Dipartiment tat-Turiżmu ta’ Kreta:

    “Uffiċjalment, il-ftuħ tal-btieti jsir fit-2 ta’ Novembru, fil-festa ta’ San Ġorġ. Skont il-Knisja tagħna, ma hemm ebda rabta bejn l-inbid u San Ġorġ. Fit-3 ta’ Novembru jitfakkar it-tqegħid tal-fdalijiet tiegħu fil-knisja tiegħu fil-Palestina. Madankollu, id-drawwa li jinfetħu l-btieti dakinhar wasslet biex jingħata l-laqam “Methystis” (dak li jista’ jsakkrek), u b’dan l-isem huwa mniżżel fil-kalendarju tal-festi folkloristiċi Griegi.”[iv]

    Il-festa liturġika ta’ San Ġorġ issir f’April, filwaqt li dik esterna f’Malta ssir f’Ġunju u f’Għawdex issir f’Lulju.

    Għana spirtu pront

    L-għanja li jmiss tingħad f’Birkirkara u tirreferi għat-toqol tal-istatwa titulari:

    “Inħobbok u nadurak,

    ‘Mma fuq spallti ma rridx narak.”

    Din l-għanja hija attribwita lill-għannej Karkariż Ġużeppi Xuereb ix-Xudi (1888–1963, Sqaq Dun Vestru). Anthony Aquilina tal-Pagun (1952–) jiftakar li meta kellu madwar seba’ snin, hekk kif kienet toħroġ il-vara, kienu jgħidu: ‘Ħa nkantaw li qablilha x-Xudi” u kienu jgħidu din l-għanja. Imbagħad, meta kienu jaraw ir-reffieħa taħt il-piż tagħha, kien jismagħhom jgħidu: “Ma kienx jgħid ħażin ix-Xudi”.[v] 

    Ix-Xudi jibqa’ msemmi għall-għanjiet spirtu pront tiegħu u kien fost il-Maltin li bejn l-1930 u l-1932 irrekordjaw l-ewwel diski bil-Malti f’Tuneż, f’Milan u f’Malta. Patrick Debono ta’ Borom jirrakkonta li meta kellu disa’ snin – allura fl-1946 – u l-festa esterna kienet ilha ma ssir għaxar snin minħabba t-tilwima dwar id-drittijiet tal-Kolleġġjata Elenjana, il-purċissjoni ħarġet fejn Santu Rokku! Din kienet purċissjoni tat-tfal, li saret meta ċertu Ġanni Borġ il-Bikri minn Sqaq Dun Vestru rama statwetta ta’ Santa Liena minn dawk li kien jagħmel hu stess fuq injama bil-lasti biex it-tfal tal-akkwata jagħmlu purċissjoni bejniethom. Wieħed rama lampier billi idobba tazza u dendilha bi tliet spagiet. It-tfal libsu flokkijiet u qomos bojod bix-xemghat f’idejhom. Dak inhar, ix-Xudi għannielhom xi ħaġa hekk:

    “Għadkom żgħar u għad tiftakru,

    meta tikbru x’waħda din,

    li erfajtu lil Santa Liena,

    illi żżommkom imberkin.”[vi]

    “Marċi” wara l-kwistjoni tad-drittijiet

    Fi Frar tal-1949 intlaħaq ftehim f’Ruma sabiex id-drittijiet jibqgħu kif kienu. Fit-18 ta’ Jannar 1950 sar l-għoti tat-titlu ta’ Bażilika Minuri Rumana u fit-3 ta’ Mejju 1950 sar il-ħruġ tal-vara fil-festa ta’ Santu Kruċ. Dan l-eżitu nebbaħ diversi taqbiliet fuq is-suġġett. Fransina Farrugia xebba Pisani (1934–2024)[vii], li dak iż-żmien kellha erbatax-il sena, kienet tkanta din it-taqbila fuq il-melodija tal-kanzunetta Mañana (Is Soon Enough for Me) miktuba minn Peggy Lee u Dave Barbour, li ħarġet f’Jannar tal-1948, proprju sena qabel il-ftehim f’Ruma. L-aħħar żewġ versi jitkantaw bħala ritornell.

    “Wara erbatax-il sena,

    aħna ftaħna l-fortizza,

    fejn kien hemm l-ilsna ħżiena

    li għajritna Komunista.[viii]

    Ifirħu Karkariżi,

    u ifirħu għax għandkom biex.

    Meta smajtu li se toħroġ,

    il-knisja daqs bajda mtliet.

    Dawk tagħna, Dawk tagħna,

    Dawk tagħna… ma jista’ għalihom ħadd.”[ix]

    Margerita ‘Gerit’ Haber (1920–2022)[x], li fiż-żmien meta issolviet il-kwistjoni tad-drittijiet kellha tmienja u għoxrin sena, qaltilna għanjiet oħra fl-età ta’ mija u wieħed. Bintha Ginny tiftakar il-melodija li fuqha kienet tkantahom ommha, li wkoll hija dik ta’ Mañana (Is Soon Enough for Me):[xi]

    “Smajtuha l-bomba tfaqqa’

    Instemgħet ma’ kullimkien.

    Santa Liena Bażilika

    U l-Prepostu Kavallier.”[xii] (Varjant Nru 1)

    “B’rigal qlajna l-Bażilika.

    U kollox baqa’ bħalma kien.”[xiii] (Varjant Nru 2)

    “Tal-Isla ħadu qata’

    U bielu fil-qalziet.”[xiv] (Varjant Nru 3)

    “Tal-laħam ibigħ il-laħam,

    l-ispiżjar ibigħ id-duwa.

    Evviva l-Karkariżi,

    għax ġabuha fejn riduha.”[xv]

    Dawn it-taqbiliet kienu jitkantaw bħala għana popolari u l-iktar waqt il-mixja tal-marċ, u għalhekk sikwit jissejħu “marċi”, għalkemm mhumiex liriċi miktuba uffiċjalment għall-mużika ta’ marċ partikolari. Il-fatt li l-kwartini jorbtu ma’ xulxin f’rakkont wieħed, jindika li nħolqu jew inkitbu mill-istess awtur, u wara, id-dilettanti ħolqu varjanti ta’ strofi partikolari. Mhux magħruf min hu l-awtur jew awturi u jekk dawn qatx kienux mitbugħa bħala “sunetti” tal-festa.

    Tajjeb nannotaw li fl-1963, Gaetano Buttigieg magħruf bħala Gaetano Kanta, kiseb suċċess bil-lirika tiegħu Immorru għaż-Żrinġijiet, li titkanta wkoll fuq il-melodija tal-kanzunetta Mañana (Is Soon Enough for Me).[xvi] Jingħadu wkoll taqbiliet umoristiċi bħal din:

    “Tal-Bagri marru Ruma

    iġġieldu għad-drittijiet.

    Tal-Agħma marru magħhom

    biex jaħslulhom il-vazijiet.”[xvii]

    Gerit Haber kienet tgħid żewġ għanjiet oħra fuq l-istess suġġett.[xviii] L-ewwel waħda tgħid hekk:

    “Ħa ngħanni għanja fil-għoli,

    ħa jismagħni min hu trux.

    Ta’ ħmar ħareġ dak il-bniedem,

    qal li marru u ma jiġux.”[xix]

    Din tixbaħ għanja popolari, li Yvonne Abela ġabret mingħand nannitha Eva Azzopardi u li tgħid hekk:

    “Ħa ngħanni għanja fil-għoli,

    ħa jisma’ min hu mbiegħed.

    Ħa jismagħni l-maħbub ta’ qalbi,

    ħa jiġi minn fejn hu qiegħed.”

    Mhuwiex magħruf liema verżjoni ġiet l-ewwel, iżda aktarx, il-verżjoni dwar l-imħabba kienet Għanja tal-Banju, li fuqha inbena il-varjant dwar il-kwistjoni tad-drittijiet. It-tieni taqbila li qaltilna Gerit tgħid hekk:

    “Issa bdew il-pitirrossi,

    biex inaqqru xi rummiena.

    Għal qalbhom il-Karkariżi,

    għax ħarġu lil Santa Liena.”[xx]

    Din ukoll tixbaħ għanja popolari li Tarċisju Zarb ġabar fl-1972, u l-istess jista’ jinagħad dwar liema għanja ġiet l-ewwel. L-għanja li ġabar Tarċisju tgħid hekk:

    “U issa wasal żmien Awwissu,

    pitirross naqqar rummiena.

    U evviva l-Karkariżi,

    għax għandhom lil Santa Liena.”[xxi]

    Fost taqbiliet mill-istess żmien insibu din lin-nies tal-Isla dwar il-bini tal-bażilika tagħhom li ġġarrfet bil-bombi fit-Tieni Gwerra. Din tgħidha Margerita:

    “Morru suqu biċċa dgħajsa,

    ħalli taqdfu xi qadfejn.

    Bil-qadfejn li intom taqdfu,

    morru ħallsu dak id-dejn.

    Dawk tagħna, mhux tagħkhom…

    Dawk tagħna, ma’ jista’ għalihom ħadd”[xxii]

    Tliet taqbiliet oħra fuq dan is-suġġett huma dawn li ġejjin. L-ewwel waħda hija rigward il-preċedenza fil-purċissjonijiet nazzjonali:

    “Tal-Wembley il-ġelati!

    Tal-Isla rrabjati!

    Karkariżi ferħanin,

    bil-Bażilika għaddejjin.”[xxiii]

    “Santa Liena ddoqq bid-dobblu,

    il-Katidral idoqq bil-kbir,

    ħalli jgħallu ta’ Ħal Qormi,

    għax iċenċlu bir-rampil.”[xxiv]  

    Gerit, li waslitlilna din it-taqbila, kienet tgħid ta’ Ħal Qormi kienu joqgħodu għalkuptejhom fuq l-oqbra. Dan jirreferi għal-fatt li fil-korsija tal-knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri kien hemm 200 qabar li għal sekli sħaħ ġew midfuna fihom il-Qriema. Id-dfin waqaf għal kollox fl-1937. Il-mejtin ma ġewx maqlugħa, iżda tattew bl-irħam. Għalhekk, meta d-devoti jinżlu għalkuptejhom waqt il-quddiesa, ikunu qiegħdin jagħmlu dan fuq l-oqbra.[xxv] Għal kuntrarju ta’ dan, fil-knisja ta’ Santa Liena qatt ma sar dfin fil-korsija u l-kappelluni. It-tielet taqbila hija din:

    “Ifirħu Karkariżi,

    għax irbaħna il-protesta.

    Missitna dik ix-xorti

    li nerġgħu naraw il-festa.”[xxvi]

    It-taqbil waqt il-marċ kien jaqa’ wkoll fuq il-pika lokali. Karmnu Calleja magħruf bħala Karmnu Qerda qalilna li l-partitarji tal-Banda Duke of Connaught’s Own magħrufa bħala Tal-Agħma kienu jkantaw:

    “Għadam u ċraret,

    ram u ħadid.

    Mur fejn tal-Bagri

    u ssib kemm trid.”[xxvii]

    Din tirreferi għall-fatt li fl-akkwata ta’ Ħas-Sajjied, kien hemm bosta bejjiegħa li kienu jiġbru u jbiegħu l-ħadid u metalli oħra, fosthom ta’ Vanġelist, tal-Banni u tal-Ixkuma. Kienet titkanta l-iktar waqt it-Trio tal-marċ Fiorentina miktub mill-Maġġur Anthony Aquilina fl-1949. Mill-banda l-oħra, il-partitarji tal-banda Sant’Elena, magħrufa bħala Tal-Bagri, kienu jkantaw din, li tirreferi għall-ħanut tal-laħam tal-Giżża, li kien fl-akkwata magħrufa bħala is-Suq tar-Raħal. Is-sid kienet partitarja tal-Agħma:

    “Zalzett u mazzit.

    Tmur fejn tal-Agħma

    u ssib kemm trid.”[xxviii]

    Il-partitarji tal-Bagri kienu jkantawha mal-marċ Gauci’s Guy miktub minn Ġanni Mamo. Il-marċ wasal għand Tal-Bagri fl-1950.[xxix]

    Din l-għanja inatat varjant mill-partitarji tal-futbol avversarji ta’ Birkirkara, li tgħid hekk:

    “Ram u ħadid,

    Santa Liena fildiferru.”

    “Sunetti” tal-festi

    Tradizzjoni li xieraq terġa’ tingħata l-ħajja hija dik tal-hekk imsejħa “sunetti”, li huma poeżiji b’tifħir lill-qaddis patrun stampati fuq folja karta, srievet jew ħarir (magħrufa bħala ‘mkatar’) sabiex jitwaddbu jew jitqassmu fil-festa. Bosta minnhom kienu fl-għamla ta’ poeżiji twal bi kwartini rrimati u mhux erbatax-il vers bħalma jkun is-sunett proprju. Fost l-awturi nsibu lil Ġużè Dimech Debono, Baldassare Armato, Manuel Gauci, C. Cuschieri ċ-Ċimenes u Frans Xuereb, in-neputi tax-Xudi. Is-sunett ta’ Frans, Il-Festa Tagħna, jagħlaq hekk:

    “Mel’ ejjew ħbieb Karkariżi,

    minn fejn intom bogħod u qrib,

    ħalli nqimu lil Dik li sabet,

    L-għuda mqaddsa tas-Salib.”[xxx]

                Frans ħoloq diversi varjanti meta xandar dan is-sunett fi snin differenti. Wieħed jista’ jara xebh mal-vers ikoniku mill-innu Banda Sant’Elena miktub minn Ġużè Dimech Debono, li jgħid:

    “Ġejt magħżula biex issib

    L-għuda mqaddsa tas-salib.”

    Iktar għana spirtu pront

    Ma jistax jonqos li wħud minn dawk li trabbew f’din il-kultura baqgħu jqabblu. L-għannej Karkariż Karmnu Debono l-Pikipakk (1944–2023), li trabba ma’ djul ix-Xudi, qalilna taqbila li ħoloq spirtu pront meta talbuh għanja fuq Santa Liena:

    “Kburin aħna l-Karkariżi,

    bil-patruna Santa Liena,

    għaliex hija s-Salib sabet,

    illi fuqu Kristu fdiena.”[xxxi]

    Taqbila oħra li Karmnu ħoloq, tgħid hekk:

    “Santa Liena tagħna l-Karkariżi,

    biha aħna ferħanin.

    tad-deheb għamilnielha l-kuruna,

    is-sandli u ċinturin.”[xxxii]

    Fil-programm Mill-Prejjem sal-Kadenza fuq Radju Malta fl-1997, Karmnu jgħid li l-aħħar għanja hija tax-Xudi. Madankollu, saħaq mal-awtur preżenti li hija tiegħu stess. Karmnu spjega kif, dakinhar tal-programm, kien flimkien ma’ Indrì Xerri iz-Zlinn (1929–2020), Karkariż li kien jakkumpanja fl-għana. Indrì kien dejjem jinbxu b’xi difett fl-għanjiet tiegħu. Għalhekk, Karmnu fettillu jgħaddi l-għanja bħala tax-Xudi, sabiex jara jekk Indrì kienx se jerġa’ jinbxu.[xxxiii]

    Nerġgħu ngħaddu għal iktar għanjiet madwar il-festa ta’ Santa Liena. Charlie, iben Gerit Haber, qabbel din meta wieħed staqsieh kemm-il biċċa deheb għandha l-vara ta’ Santa Liena:

    “Fuq rasha għandha l-kuruna,

    ma’ qaddha ċ-ċinturin,

    f’widnejha għandha l-imsielet

    u f’saqajha l-iskarpin.

    Fuq għonqha l-ġiżirana,

    b’rużun mill-ifjen nett.

    Fil-polz għandha ċ-ċappetta

    u f’subgħajha ċ-ċurkett.”[xxxiv]

    Għeluq

    L-għana u t-taqbil jintilfu bħalkieku xejn, għax kif jgħid il-folklorista Karkariż, Ġużè Cassar Pullicino: “Il-kliem tal-għana jtir mar-riħ.”[xxxv] Fihom insibu individwi b’memorja straordinarja u kultura ħajja li tieħu minn marċi, avvenimenti taż-żmien u mużika popolari. Huwa dmir tagħna, bħala Karkariżi u Maltin, li niġbru u naqsmu dan il-wirt li jsawwar l-identità kulturali tagħna.

    B’dedika lil Margerita ‘Gerit’ Haber (1920–2022) u Ninu Cardona (1948–2022).

    Nota: Verżjoni oriġinali ixxandret fil-programm tal-festa tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena, 2022, 80–82. Din il-verżjoni fuq dan is-sit hija aġġornata.


    [i] Nru 1 u 2, f’L-Imnara, 16–17, Nru 3.

    [ii] Emmanuel Azzopardi, Malta: The History of the Coinage, Said International, 1993,264, 269, 272, 274, 276, 278, 282, 286; https://www.royalmint.com/stories/sovereign/crowning-achievements-the-sovereign-and-coronations

    [iii] Ħajr lil Philip Xuereb.

    [iv] www.rethymno.guide/news-en/417-fresh-wine . Ara wkoll: en.jerusalem-patriarchate.info/articles-speeches/the-feast-of-saint-george-the-great-martyr-in-lydda  (Aċċessati Ottubru 2026. Traduzzjoni tal-awtur).

    [v] Anthony Aquilina lill-awtur, 2021.

    [vi] Patrick Debono lill-awtur, 2021. Fost it-tfal kien hemm ukoll Fredu Gatt ta’ Wenzina.

    [vii] Fransina twieldet 8 ta’ Novembru 1934.

    [viii] Varjant ta’ Gerit Haber jgħid: “Fuq erbatax-il sena, aħna ftaħna l-fortizza. Fejn intom ja nies ħżiena, l’għajjartuna Komunista?” (Gerit Haber lill-Lawrence Grech, Settembru 2021 u lill-awtur 2021). Ħajr lil Renald Borg u Marcio ghigo li għarrfu lill-awtur b’dawn il-rekordings.

    [ix] Fransina Farrugia lil binha Anton Farrugia Pisani OFM u lil André Azzopardi, Soċjetà Dun Filippu Borgia – Sensiela Tifkiriet Karkariżi. Imxandra fuq il-paġna facebook tas-Soċjetà fl-24 Lulju 2021. Tista’ tara l-intervista fuq l-arkivju Ilħna Karkariżi: https://archive.org/details/fransina-farrugia

    [x] Gerit Haber twieldet 8 ta’ Settembru 1920.

    [xi] Ginny Grech lill-awtur 2021 u 2026 permezz ta’ messaġġi awdjo.

    [xii] Gerit Haber irrekordjata minn Lawrence Grech, Settembru 2021.

    [xiii] Ginny Grech lill-awtur 2021.

    [xiv] Nenu Grech lill-awtur, 2021 u 2026.

    [xv] Gerit Haber irrekordjata minn Lawrence Grech, Settembru 2021. Fuq l-istess rekording, Gerit tgħid taqbila li l-ewwel vers tagħa ma nqabadx iżda jidher li huwa “Ifirħu Karkariżi” u l-aħħar vers mhux ċar u ma jirrimax:

    “Ifirħu Karkariżi

    għax il-bokkli reġgħu ġew.

    Ara x’ser ingħidilkhom

    [?] m’għankhom xejn.”

    [xvi] Gaetano Kanta, Ktejjeb bil-kanzunetti popolari Nru. 16, Il-Ħamrun: Dar San Ġużepp, 11.

    [xvii] Joe Debono Grech lill-awtur, Sagristija tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba.

    [xviii] Gerit Haber lil bintha Ginny Grech lill-awtur, 2021.

    [xix] Gerit Haber lill-awtur, Dar tal-Anzjani taż-Żejtun, 20 ta’ Ġunju 2021.

    [xx] Gerit Haber lill-awtur, Dar tal-Anzjani taż-Żejtun, 20 ta’ Ġunju 2021.

    [xxi] Tarċisju Zarb, Il-Ktieb tas-Soltu, Kunsill Lokali Birkirkara, 2020, 522.

    [xxii] Gerit Haber irrekordjata minn Lawrence Grech, Settembru 2021.

    [xxiii] Gerit Haber lil bintha Ginny lill-awtur, 2021.

    [xxiv] Gerit Haber lil bintha Ginny lill-awtur, 2021.

    [xxv] Korrispondenza bejn l-awtur u Eman Bonnici, 2026, kif ukoll: Eman Bonnici, Id-Dfin f’Malta, Horizons, 2019, 281–282: “L-oqbra kienu mqassma kif ġej: fil-korsija, imqassma fi tmien oqbra kull filliera minn pilastru ta’ naħa sal-pilastru tan-naħa l-oħra, 42 f ’kull kappellun, u oħrajn quddiem l-altari tan-navi u ż-żewġ niċeċ il-kbar.”

    [xxvi] Nenu Grech lill-awtur, 2022.

    [xxvii] Karmnu Calleja lill-awtur, 2021.

    [xxviii] Karmnu Calleja lill-awtur, 2021.

    [xxix] Ħajr lil Lydon Muscat.

    [xxx] Dan is-sunett ixxandar fuq imkatar tal-karta, aktarx fis-snin sittin, kif ukoll fil-programm tal-Kolleġġjata għall-festa tal-1985 u fil-Qanpiena (Nru 233, Awwissu 2000). Din tal-aħħar hija l-verżjoni aħħarija b’diversi tibdil u varjanti.

    [xxxi] Karmnu Debono lill-awtur, 2021.

    [xxxii] Karmnu Debono lill-awtur, 2021.

    [xxxiii] Mill-Prejjem sal-Kadenza fuq Radju Malta, Serje 1, Episodju 1 u 2 li xxandru fis-26 ta’ Marzu u fit-2 ta’ April 1997 u konverżazzjoni mal-awtur 2021.

    [xxxiv] Charlie Haber lill-awtur, 2021.

    [xxxv] Xxxxx